Mawra sal-Port il-Kbir

Dawn tal-Maltastar jistinduha… illum ġabu aħbar fis-sit tagħhom li jgħid “Skola Sajf students wowed by Grand Harbour“. Bażikament artiklu sħiħ dwar xi tfal li raw il-Port il-Kbir qishom telgħu fuq il-qamar. Bniedem mhux infurmat jgħid: din x’aħbar hi? Minn meta ‘l hawn inġibuha fuq gazzetta meta tfal jaraw il-Port il-Kbir?

Imbagħad tara t-Times u fil-paġna ta’ quddiem issib l-aħbar “Students take harbour cruise with Prime Minister“.

Jiġifieri l-Maltastar żammew l-aħbar u eleminaw kompletament lill-persuna li dwarha kienet l-aħbar, jiġifieri l-Prim Ministru. Immaġina kieku għamlu l-istess meta ġie l-Papa Malta – jagħmlu artikli sħaħ bla ma jsemmuh. Xi titli li kienu jagħmlu kienu jkunu:

- “Ħafna nies joħorġu fit-toroq li ġew irranġati dal-aħħar”.

- “Żgħażagħ imorru l-waterfront bil-katamaran – kumbinazzjoni jkun hemm ħafna nies jistennewhom u anki jkun hemm palk għall-kant”.

- “Il-monument ta’ quddiem il-Mambra f’Ħal Luqa jitgħatta għal ftit sekondi sakemm tgħaddi karozza bajda”.

Poo għalikom

L-għeżież ħbieb tat-Times illejla għamlu aħbar interessanti ħafna bl-isem “Cat poo coffee may face religious ban“. Ċensura minnħabba twemmin reliġjuż istituzzjonalizzat – mmmmh familjari din.  Il-kummenti tan-nies kienu ċajta bla sens ”Anyone for a Catpooocino?” u risposta bla sens għaliha, u għalhekk iddeċidejt li nħalli kummenti ftit intelliġenti (wooaaahhh mhux normali għat-Times). U għalhekk ktibt xi ħaġa simili għal dan li ġej (insejt il-kliem eżatt x’kienu għax wara li tagħfas “Submit” il-kliem jitlaq u ma żammejtux):

We have become so accustomed to reading news items about censorship and bans on religious grounds that our instinctive reaction has become a lame joke and a smile. It’s sad really“.

Ovvjament tat-Times ma rawx l-ironija fil-fatt li ċċensurawli l-kumment ukoll.

Nostradamus

Xi ftit affarijiet li naħseb li ser jiġru kif tibda toqrob l-elezzjoni ġenerali li jmiss:

- il-PN ser jiddiskutu d-divorzju internament;

- il-Private Member’s Bill ta’ JPO ma tgħaddix u tintesa;

- il-PN ser jiddeċiedu li fil-manifest elettorali jgħidu li ma jaqblux mad-divorzju;

- JPO mhux ser jaqbel u mhux ser jitħalla joħroġ għall-elezzjoni – skuża tajba biex jeħilsu minnu;

- l-MLP ovvjament ma jgħidu xejn fil-manifest tagħhom għax Muscat ser jagħmilha biss bħala Private Member’s Bill oħra ġaladarba jkun Prim Ministru;

- il-kampanja tat-tnejn li huma sa tkun ibbażata fuq il-moralita’ ta’ x’għandu jkun tajjeb għaċ-ċittadini mfissda tagħna;

- il-knisja Kattolika sa jkollha rwol importanti iktar mis-soltu fir-riżultat tal-elezzjoni;

- id-divorzju innifsu sa jintesa għal xi għoxrin sena oħra jitla min jitla.

Nispera li ma jiġrix hekk, imma sfortunatament din naħseb li sa tkun l-istorja. Kellmuni ħames snin oħra. Il-weekend it-tajjeb.

Kotba għall-Ħruq!!

F’isem il-patrun tagħna Girolamo Savonarola qed nistidnukom għal din l-attivita imtella mill-Għaqda taċ-Ċensura favur il-Promozzjoni tal-Moralita’. Fiha ser naħarqu kotba immorali, skripts ta’ reċti psataż, magażins, televixins, kompjuters, u kull ħaġa oħra li tista’ twaqqana fid-dnub. Min jaħdem il-MEPA jista’ jġib ukoll fajls li jaf li fihom kien hemm xi tip ta’ korruzzjoni, speċjalment jekk ħareġ xi permess li ma qbiltux miegħu. Ser inkunu qed nistennew l-iskripts kollha ta’ Stitching, il-kotba ta’ Ġuże’ Stagno, ta’ Immanuel Mifsud, Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa u ħafna oħrajn. Min issoltu jidgħi għandu jpatti għal dnubietu u jagħmel iktar sforz biex jiġbor affarijiet. It-Testment il-Qadim tal-Bibbja, avolja fieh sess, vjolenza, ġlied, tradiment u ħafna affarijiet immorali oħra, m’hemmx għalfejn iġġibuh.

Apparti din ser nagħmlu attivita’ oħra kontra l-omerta’, fejn ser niltaqgħu flimkien fil-pjazzez ta’ Malta waħda waħda u kulħadd jgħid xi ħaġa li ilu jżommha ġo fieh u ma jistax iżomma iktar. Simili għall-iSpeaker’s Corner ta’ ħdejn Hyde Park f’Londra, ser inkunu qed nistennewkom sabiex tgħidu li taħsbu fuq l-omosesswali, il-familji l-ġodda li jmorru kontra kull morali u anki biex tikxfu l-pastażati li qed jagħmlu t-tfal tagħkom. Min jaf xi ħaġa fuq xi qassis jew membru tal-kleru jekk jgħoġobkom nitolbuh iżommha għalieh.

No shit, Sherlock

Ċertu artikli tal-Maltastar, ġeneralment dawk li ma jkunux ikkuppjati minn xi aġenziji internazzjonali tal-aħbarijiet, għandhom element affaxxinanti ta’ intratteniment li l-awtur qajla jinduna xi jkun qed jagħmel b’idu kull meta jikklikkja fuq il-kelma ‘publish‘. Għalija kulħadd jista’ jikteb li jrid, u kulħadd għandu dritt jaqra li jrid, imma nitħassar lill-eluf ta’ partitarji Laburisti li taw parti minn ġidhom biex tkun tista’ tiġi ffinanzjata din l-atroċita’ ta’ sit.

L-aħħar waħda f’sensiela ta’ kitbiet tal-biki (daqs kemm tidħak meta taqrahom), l-argument mid-dehra huwa Clyde Puli… jew le?

The question arises.

Illuminawni għax ma fhimtx x’inhu eżatt il-punt ta’ dawn it-tip ta’ artikli. Li fhimt biss huwa li min jikteb dawn l-editorjali jridha tal-intelliġenti. U l-messaġġ irid iwassalulna b’Inġliż ikkumplikat biex jurina kemm jaf. Urina, urina, ħalli jkollna biex nehdew.

Biss dan l-editur għandu jiftakar ħaġa waħda: li jekk il-midja Laburista trid tattira il-parti mill-elettorat li taf taqra, u tippreferi, taqra bl-Ingliż, hemm bżonn Ingliż aħjar. Anki l-elettorat li fl-aħħar mill-aħħar ma jaqbilx mal-partit Laburista jixraqlu aħjar – għax jixraqlu Ingliż li jirnexxielek għallinqas tifhmu u tiddeċiedi jekk taqbilx miegħu jew le.

Follow

Get every new post delivered to your Inbox.